Thursday, 1 February 2018

Għaliex il-"bejgħ tal-passaporti" qed iweġġa tant irjus?


Dan l-aħħar qed (nerġgħu) naraw attakk koordinat fuq il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP). Tgħid dan għaliex?


Sempliċi. L-IIP, jew l-iskema tal-"bejgħ ta’ passaporti" kif iħobbu jseħulha, hija sors kbir ta’ investiment dirett li qed jinġieb lejn pajjiżna li meta jibda jiġi investit se jara l-iżvilupp soċjali u infrastrutturali f’pajjjiża jilħaq livelli li pajjiżna qatt ma ra bħalhom. Malta dalwaqt tibda taqta’ l-frott miż-żerriegħa li żera’ gvern Laburista fl-2013.
 
Allura qed jaraw kif jagħmlu biex iwaqqfu dan il-ġid. Tgħid mhux għax taħraqhom qalbhom għall-bejgħ tal-passaporti??
 
Is-settur finanzjajru ma kkritikax l-IIP; fil-fatt l-akbar erba’ kumpaniji fis-settur huma kollha aġenti, bħall-150 l-oħra li hemm fuq il-websajt tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’investiment. Hemm aġenti ta’ kredibilità bħala PWC, Deloitte, KPMG, Frendo u Chetchuti Cauchi , Ganado ... fost l-oħrajn (ara b'għajnejk billi tikklikkja hawn).
 
Minkejja l-kritika li ilha għaddeja għal kważi ħames snin mill-oppożizzjoni, hemm diversi esponenti tal-PN li huma aġenti tal-IIP: George Hyzler, Ann Fenech, Michael Frendo, EMD ta’ RCC, Graham Bencini - opinjonist nazzjonalista kif ukoll Philip Manduca (li kien għamel petition l-Awstralja kontra l-IIP u kienet preżentata minn Simon Busuttil u wara ra d-dawl u sar aġent).
L-awtoritajiet tat-turiżmu ma kkritikawx l-IIP. L-aġenti tar-real estate ma kkritikawx l-IIP. Nutara, periti, sidien ta’ restoranti, xufiera tat-taxis ... ħadd minnhom ma kkritika il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. L-ebda persuna oġġettiva u li għandha farka melħ f’moħħha ma tikkritika l-IIP.
 
Huma biss faxxa żgħira tas-soċjetà, li kumbinazzjoni huma nazzjonalisti li jaħsbu li għandhom id-dritt divin li jkunu fil-poter, u jerdgħu flus il-poplu, li jikkritikaw il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
 
Jekk wara tmien xhur għadkom ma ndunajtux, il-poplu qalilkom biċ-ċar li ma jaqbilx magħkom,  ċaħadkom fil-veru sens tal-kelma, u reġa’ ta mandat kbir, anzi enormi, lill-gvern ta' Joseph Muscat (li tant għajjru salesman) biex ikompli jġib l-investiment lejn pajjiżna u jkompli jkattar l-ekonomija tal-pajjiż.
 
Ħudu ftit paċenzja u ħallu l-poplu jiġġudika hu min għandhu għall-qalbu l-interess nazzjonali u l-ġid tal-poplu Malti.

No comments:

Post a Comment